Bħalissa qiegħed fis-Seminarju, post mibni fil-ħamsinijiet u qed nesprimi dawn il-ħsibijiet mill-uffiċċju – għadu jinxtamm l-effett taż- żebgħa friska u tal-injam – filwaqt li barra t-tieqa l-għasafar qed jgħannu inżul ix-xemx. U minn dan il-post konkret, b’xi mod, nidħol f’żona virtwali, li ma tidhirx, iżda li qegħda hemm, u nikkomunika ma’ nies oħrajn tad-demm u l-laħam. Fil-fatt, hawnhekk jiġu persuni tad-demm u l-laħam. Biss mhux faċli tifhem xi jwassalhom hawn. Kull meta niltaqa’ ma’ xi wieħed miż-żagħżagħ f’dan l-uffiċċju ninduna li hemm misteru li dejjem jissorprendik: il-misteru tas-sejħa t’Alla li tqanqal u iċċaqlaq żagħżagħ biex iwieġbu għal dak li Alla jixtieq minnhom: jiġu hawn u jimpenjaw ruħhom, b’sagrifiċċji, ferħ u entużjażmu sakemm isiru qassisin u jitilqu minn dan il-post b’inpenn li jħobbu kif iħobb dak li sejħilhom. Għal dan il-post, din is-sena se tkun ukoll sena speċjali għax fiha se nkunu qed infittxu kif inġeddu il-programm ta’ formazzjoni sabiex issir l-aħjar preparazzjoni biex il-qassis jaqdi tassew fil-Knisja u l-kultura ta’ llum. La post konkret, la Alla jsejjaħ illum u mhux fil-passat biss, irridu nwieġbu bl-aħjar mod u bl-għerf kollu li l-Mulej tana, illum. U jekk tixtieq, tista’ inti wkoll tgħaddi l-kummenti tiegħek u mill-ispazju virtwali tgħin b’mod konkret ħalli s-Seminarju ma jibqax post sabiħ biss iżda jkun ukoll żmien fejn persuni differenti jintgħaġnu fi bnedmin sħaħ, ġenerużi, li jaqdu b’mod kompetenti u kredibbli bħala saċerdoti. U fuq kollox, jekk tkun għaddej minn hawn, nittama li tħossok milqugħ u li s-Seminarju jgħinek tapprezza kif il-Misteru jmiss lil ħajtek.
Tista tikkuntattja r-Rettur billi tibgħatlu email fuq: rector@seminary.org.mt |
|
Dun Jimmy Bonnici - Rettur |